Dwar
Sew jekk qed tfittex l-aħħar informazzjoni u riżultati dwar il-proġett, jew qed tfittex dwar l-aqwa prattiċi biex jingħelbu l-ostakli għat-tilqim, dan is-sit jipprovdilek għajn ta’ għarfien biex tifhem aħjar il-proċess tat-tilqim madwar l-Istati Membri tal-UE.
Sfond
Id-deklin fil-kopertura tat-tilqim osservat f’dawn l-aħħar snin fl-Istati Membri tal-UE wassal għal tifqigħat ġodda ta’ mard li jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim. Il-pandemija tal-COVID-19 ħarrxet din is-sitwazzjoni u ġabet magħha sfidi għall-kontinwità tal-programmi ta’ tilqim ta’ rutina. Fatturi marbuta mal-eżitazzjoni għat-tilqim, li huwa d-dewmien jew ir-rifjut tat-tilqim minħabba tħassib dwar sigurtà u effikaċja, għandhom rwol ewlieni fil-kopertura tat-tilqim.
Il-kunfidenza fit-tilqim u l-politiki ta’ tilqim, fil-professjonisti tas-saħħa kif ukoll fl-industrija tas-saħħa, hija l-mutur ewlieni tal-imġibiet marbuta mat-tilqim. Madankollu, hemm ukoll ostakli marbuta mal-konvenjenza tal-amministrazzjoni tat-tilqim, li żżomm lin-nies milli jitlaqqmu.
Filwaqt li saru sforzi biex jiġi identifikat, monitorjat u indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini tal-UE dwar it-tilqim, hemm bżonn li wieħed jinvestiga aktar fil-fond l-ostakli għat-tilqim. Dawn l-ostakli jinkludu:
- disponibbiltà suffiċjenti ta’ provvisti ta’ tilqim
- disponibbiltà ta’ professjonisti tas-saħħa biex jamministraw it-tilqim, inkluż kemm l-għadd ta’ min jista’ jlaqqam per capita u kemm il-kategoriji differenti ta’ professjonisti tas-saħħa awtorizzati li jamministraw tilqim
- qrubija ġeografika tas-servizzi ta’ tilqim għaċ-ċittadini
- affordabbiltà finanzjarja tas-servizzi ta’ tilqim għaċ-ċittadini
- passi amministrattivi u prattiċi sabiex wieħed jikseb tilqima (eż. riċetta minn professjonist tas-saħħa, ix-xiri ta’ prodott minn spiżerija u r-ritorn għand professjonist tas-saħħa biex wieħed jiġi amministrat it-tilqima)
- konvenjenza tas-servizzi ta’ tilqim f’termini ta’ sigħat ta’ ftuħ, kif isir appuntament u ħwejjeġ simili, iżda wkoll il-possibbiltà (jew le) li wieħed jirċievi t-tilqim fuq il-post tax-xogħol, fl-iskejjel u/jew imkejjen lokali oħra
- kampanji ta’ għarfien dirett mis-servizzi ta’ tilqim għaċ-ċittadini, bħal ngħidu aħna tfakkiriet bil-posta jew b’SMS
Il-proġett Negħlbu l-Ostakli għat-Tilqim huwa proġett mifrux fuq 3 snin iffinanzjat mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA) f’isem il-Kummissjoni Ewropea. Huwa jiffoka fuq seba’ vaċċini: COVID-19; papillomavirus uman (HPV); Influwenza; Ħosba, Gattone, Rubella (MMR); Meninġite; Poljo u Tetnu.
L-għanijiet ta’ dan il-proġett huma li jiġu:
- Identifikati l-ostakli għat-tilqim ta’ natura fiżika, prattika u amministrattiva u l-impatt negattiv li dawn l-ostakli għandhom fuq l-Istati Membri tal-UE u r-rati ta’ kopertura tat-tilqim.
- Identifikati prattiċi promettenti implimentati mill-Istati Membri tal-UE li jistgħu jiġu implimentati biex jingħelbu dawn l-ostakli.
- Żviluppati rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw l-ostakli identifikati u li huma maħsuba għal protagonisti differenti, inklużi dawk li jagħmlu l-politiki f’livelli nazzjonali u tal-UE, u awtoritajiet tas-saħħa kompetenti fl-Istati Membri tal-UE, u professjonisti tas-saħħa nazzjonali u tal-UE, pazjenti u ċittadini.
Tipi ta’ attivitajiet imwettqa mill-proġett
Sabiex jinkisbu l-għanijiet, il-proġett se:
- Jidentifika l-ostakli għat-tilqim li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini madwar l-Istati Membri kollha tal-UE.
- Jidentifika prattiċi promettenti li jindirizzaw l-ostakli għat-tilqim u li ġew żviluppati mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri tal-UE.
- Jagħżel prattiċi promettenti bbażati fuq il-qafas ta’ evalwazzjoni fil-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli (SGPP).
- Jorganizza żjajjar fuq il-post f’pajjiżi fejn ġew elenkati u/jew magħżula prattiċi promettenti. Dawn il-proġetti pilota għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tas-saħħa li jżuruhom l-opportunità li jaraw huma stess kif jaħdmu dawn il-prattiċi promettenti.
- Jagħżel tliet prattiċi promettenti bħala proġetti pilota f’disa’ Stati Membri tal-UE voluntiera. Dawn il-proġetti pilota se jtulu 12-il xahar u jimplimentaw il-prattiċi promettenti magħżula sabiex jivverifikaw ir-rilevanza u jekk il-miżuri suġġeriti jistgħux jiġu trasferiti.
- Jiżviluppa rakkomandazzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli għat-tilqim fid-dawl ta’ attivitajiet.
- L-implimentazzjoni ta’ żewġ stħarriġ fuq skala kbira fl-Istati Membri kollha, wieħed fost il-popolazzjoni ġenerali u l-ieħor fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Dan l-istħarriġ se jintuża biex jiġi żviluppat mudell li jevalwa kemm ostakli fiżiċi, amministrattivi u ta’ konvenjenza li għandhom impatt fuq il-proċess għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kontra t-tilqim; u finalment jevalwa kemm tista’ tinkiseb rata ogħla ta’ kopertura jekk dawn l-ostakli jiġu megħluba.
Grupp ta’ mira
It-tilqim huwa għodda għall-prevenzjoni ta’ mard infettiv. It-tnaqqis tal-impatt negattiv li għandhom l-ostakli għat-tilqim ikun ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati.
Il-proġett Negħlbu l-Ostakli għat-Tilqim huwa rilevanti għall-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, l-akkademiċi u r-riċerkaturi fil-qasam tal-politiki ta’ tilqim li jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ tilqim nazzjonali u/jew reġjonali. Il-proġett huwa wkoll rilevanti għall-professjonisti u għal dawk li jipprattikaw f’firxa ta’ oqsma fil-kura tas-saħħa. Ir-riżultati tal-proġett, inklużi l-identifikazzjoni tal-ostakli u kif jiġu megħluba, se jkunu disponibbli fuq is-sit.
Is-sit huwa miftuħ għall-pubbliku u jipprovdi ħarsa ġenerali tas-seba’ proċessi ta’ tilqim, kif jiġu megħluba wħud mill-ostakli ffaċċjati ta’ kuljum kif ukoll informazzjoni ulterjuri mill-paġni tal-web tal-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali.
Finanzjament
Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-programm tas-saħħa EU4health u kkuntrattat mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA). Fehmiet u opinjonijiet espressi, madankollu, huma dawk tal-awtur(i) biss u mhux neċessarjament jirriflettu dawk tal-Unjoni Ewropea jew tal-HaDEA. L-Unjoni Ewropea u HaDEA ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-kontenut tagħhom.
Numru tal-proġett: HADEA/2021/OP/0010.
Konsorzju tal-proġett
Il-proġett Negħlbu l-Ostakli għat-Tilqim huwa mmexxi minn Verian fi sħubija mal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tas-Saħħa (EHMA), ifok/a>, l- Akkademja Ewropea tal-Pedjatri (EAP), u l-Awtoritajiet tas-Saħħa Reġjonali u Lokali Ewropej (EUREGHA).